It-Twemmin Tagħna

Nemmnu illi l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla, miktuba bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Hi ta’ awtorità suprema, u l-unika regola infallibbli għall-fidi u l-kondotta tal-Knisja.

Nemmnu illi hemm Alla wieħed ħaj u veru, il-Ħallieq, Priżervatur, u Gvernatur tal-univers kollu. Alla jeżisti eternament fi Tliet Persuni: il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.

Nemmnu li Adam inħalaq fix-xbieha t’Alla. Meta dineb kontra Alla, daħlet il-mewt fiżika u separazzjoni minn Alla, u ġab id-dnub fuq l-umanità kollha. Għaldaqstant, minħabba l-waqgħa tal-bniedem, Alla fil-ħniena u l-grazzja tiegħu jagħti s-salvazzjoni lil dawk kollha li jiġu għandu permezz ta’ Ġesù Kristu, u jagħtihom il-ħajja eterna.

Nemmnu f’Ġesù Kristu, l-Iben uniku t’Alla, imnissel mill-Ispirtu s-Santu. Twieled mill-Verġni Marija, għex ħajja bla dnub, obda l-liġi t’Alla, miet fuq is-salib bħala tpattija sostituzzjonarja u vittorjuża għal dnubietna, u rxoxta fiżikament mat-tielet jum. Tela’ lura fis-smewwiet, fuq il-leminija tal-Missier, u ta l-Ispirtu s-Santu lill-Knisja.

Nemmnu illi huwa bil-grazzja, bil-favur mhux mistħoqq t’Alla, illi aħna salvati. Bis-sejħa tal-Ispirtu s-Santu, dawk li jafdaw f’Ġesù Kristu huma mifdija u mogħtija l-ħajja eterna. Nemmnu li Ġesù Kristu jinterċiedi għall-mifdija tiegħu; huwa biss permezz tiegħu illi l-fidili jistgħu jersqu quddiem il-Missier smewwieti tagħhom.

Nemmnu li kull midneb, imwieled mill-ġdid mill-Ispirtu s-Santu, huwa persuna ġdida. Jagħti evidenza tal-ħajja ġdida tiegħu bl-indiema u fidi fl-evanġelju. Il-fidili mhumiex marbuta b’regola barra l-Bibbja, iżda huma msejħa biex jgħixu u jigglorifikaw lil Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. L-opri tajba tagħhom huma l-frott tal-ħajja Nisranija u mhux il-mezz biex jikklejmjaw il-ġustizzja quddiem Alla.

Nemmnu illi l-Knisja hi l-ġisem ta’ Kristu, li hi magħmula viżibbli permezz ta’ kongregazzjonijiet lokali ta’ fidili mgħammda, komunjoni ta’ qaddisin u saċerdozju rjali. Jappartienu għal Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu jgħammar f’kull fidil fi Kristu. Nemmnu wkoll illi l-Knisja hi msejħa biex tikber u timmatura billi tqim lil Alla fl-ispirtu u l-verità, bix-xirka fl-imħabba, dixxiplar, u d-dikjarazzjoni u d-dimostrazzjoni tal-bxara t-tajba dwar Ġesù Kristu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Nemmnu illi tmiem id-dinja jġib is-salvazzjoni fil-perfezzjoni tagħna. Nemmnu illi Ġesù Kristu għad jerġa’ jiġi personalment. Nemmnu fil-qawmien tal-inġusti għall-kastig etern u l-qawmien tal-ġusti għall-glorja eterna, fi smewwiet ġodda u art ġdida.